DISMAS – the director

Jeffrey Scicluna – biography
Director

Jeffrey twieled Ħal Luqa u għandu 42 sena. Huwa miżżewweġ lil Josianne u għandhom iben, Jaylen. Minn mindu kien għadu tifel kellu x-xewqa li jkun involut f’avvenimenti kulturali li jinkludu t-teatru u l-mużika.

Kiteb u kkompona diversi kanzunetti u ħa sehem fl-ewwel festival taż-żgħażagħ bil-kanzunetta “Ma nafx insibx”. Ħa sehem ukoll f’diversi festivals lokali fejn anki kkompeta b’kanzunetti b’kompożizzjoni tiegħu stess, bħal kanzunetti “Il-Quċċata” u “Darbtejn Insiru Tfal” liema kanzunetti kienu miktubin it-tnejn minn Rita Pace.
Fil-kamp teatrali, Jeffrey kellu l-okkazzjoni jiehu sehem f’numru ta’ rappreżentazzjonijiet, saħansitra mużikali, bħal Jesus Christ Superstar (bl-Ingliż u bil-Malti), Sound of Music, Chess u anki rappreżentazzjonijiet bil-Malti bħal Żeża tal-Flagship, It-Tfajla tal-Palazz u Karmena Abdilla fost l-oħrajn. Jeffrey huwa wkoll l-awtur, il-kompożitur u l-kittieb ta’ żewġ musicals – Leonardo – L-Iben, Iż-Żagħżugħ, Il-Qaddis (l-istorja ta’ San Leonardu il-patrun tal-parroċċa ta’ Ħal Kirkop) u Raħal fi Gwerra, fejn dan ta’ l-aħħar, jittratta fuq ir-Raħal ta’ Ħal Luqa fi żmien it-tieni gwerra dinjija, meħud mill-ktieb ta’ Dun Gużepp Micallef, Raħal fi Gwerra. Dawn l-ahhar sentejn, Jeffrey ħa sehem ukoll fil-pantomima tal-Milied li tiġi mtella’ ġewwa l-Istitut Kattoliku fil-Furjana mill-Għaqda Teatru Rjal, produzzjoni ta’ Pawlu Testa. Fuq it-televizjoni, Jeffrey kellu partijiet fiċ-Ċaqqufa, Tereża, Gideb u Mħabba, fost oħrajn. Fil-bidu tal-millenju, kellu programm tat-tfal li dam madwar sentejn – Dr Peel – programm għat-tfal flimkien ma’ Leontine Camilleri fuq stazzjon lokali.
Għal dawn iż-żminijiet partikolari, żmien il-Ġimgha Mqaddsa, Jeffrey kiteb tliet drammi – Il-Ġrajja ta’ l-Akbar Imħabba- Sagrifiċċju jew Ġenn?, It-Tliet Għudiet u dan li se sseggwu din is-sena, Dismas – Il-Ħalliel tal-Ġenna. Fil-futur, Jeffrey għandu ħafna pjanijiet li jixtieq li jiġu mwettqa!
Għal Jeffrey il-futur huwa misteru, il-passat huwa storja imma llum huwa rigal – għalhekk bl-ingliż ngħidulu present!

Comments are closed.